Surmast Anthony Sammut
Profil
Is-Surmast Anthony Sammut twieled ġewwa Birkirkara minn Mikiel u Rożina (xebba Vella) fit-tletin ta’ Ottubru, 1921. Il-ġenituri ta’ Ninu, kif kien magħruf is-Surmast, kellhom negozju tal-inbid biswit il-Każin tal-Banda Sant’ Elena.
Huwa eduka ruħu fil-Kulleġġ tal-Freres, Bormla, tgħallem il-mużika għand is-Surmastrijiet Vincenzo Costa u ibnu Carmelo Costa. Ta’ 11-il sena beda l-eżamijiet ta’ l-”Association of the London College of Music“. Minn dan il-Kulleġġ kiseb midalja tal-fidda u oħra tal-bronż, ċertifikat ta’ l-eżami tas-”Seventh – Advance – Final – London Royal Schools and Royal College of Music” u ta’ 24 sena ngħatatlu d-diploma bit-titlu ta’ A.Mus. L.C.M. Ninu, żagħżugħ ta’ 30 sena, kien Professur tal-kurunetta, Surmast ta’ l-armonija, direttur u kompożitur. Bħala direttur kellu jgħinuh widna sensibbli, qalb edukata u moħħ intelliġenti.
Huwa beda l-karriera pubblika tiegħu bħala kurunettista mal-Banda Sant’ Elena ta’ B’Kara, li tagħha għamel żmien Assistent Surmast.
Fl-1944 huwa ġie magħżul bħala Surmast Direttur tal-Banda San Piju X ta’ Ħal-Lija. Erba’ snin wara, jiġifieri fil-1948 huwa beda jidderieġi bħala Surmast lill-Banda Imperial tal-Mellieħa, filwaqt illi ħa l-Banda Nicolo’ Isouard tal-Mosta taħt id-direzzjoni tiegħu wkoll fl-1954.
Barra minn dawn it-tliet baned, huwa kellu diversi okkażjonijiet li jidderieġi lill-baned King’s Own tal-Belt; Sant’ Elena ta’ B’Kara; La Vittoria tal-Mellieħa, kif ukoll il-baned Leone u La Stella tar-Rabat, Għawdex. Mhux ta’ min jinsa’ wkoll illi s-Surmast Sammut ġie nkarigat kemm-il darba sabiex jidderieġi l-Banda Nazzjonali ta’ Malta w li dejjem ħareġ b’suċċess minn dawn il-programmi.
M’hemmx għalfejn ngħidu li fil-karriera twila tiegħu huwa dderieġa tista’ tgħid fi kwalunkwe raħal u belt kemm ta’ Malta kif ukoll ta’ Għawdex fl-okkażjoni ta’ festi parrokkjali u festi kommemorattivi oħra.
Ma huwiex possibli li wieħed joqgħod isemmi wieħed wieħed dawn il-programmi, iżda nistgħu nsemmu l-ewwel programm tiegħu mal-Banda San Piju X meta kien idderieġa l-”Madame Butterfly” ta’ Puccini, l-ewwel programm tiegħu mal-Banda Imperial fejn kien idderieġa l-”Lohengrin” ta’ Wagner, l-ewwel programm tiegħu mal-Banda Nicolo’ Isouard meta kien idderieġa l-”Fedora” ta’ Giordano, kif ukoll il-programmi li dderieġa fil-Belt Valletta u d-diversi anniversarji tat-tliet baned li tagħhom kien surmast.
Iżda suċċessi kbar oħra tiegħu kienu l-programmi li huwa kellu xorti jidderieġi f’Villa Bellini, Catania u f’ Siracusa mal-baned La Stella, Imperial u Nicolo’ Isouard u fi Bianca Villa mal-Banda San Piju X. F’ittra tal-25 ta’ Lulju 1949, is-Surmast Kompożitur Giovanni Pennachio ta’ Catania jgħarrafna fuq is-suċċess kbir li s-Surmast Sammut kiseb f’kunċert imwettaq mill-Banda Imperial fil-Villa Bellini taħt id-direzzjoni tiegħu u faħħar it-teknika speċjali li għandu.
Is-Surmast Sammut huwa wkoll Kompożitur prolifiku. Huwa kkompona kwantità ta’ marċi, kemm brijużi, kemm karnivaleski, kif ukoll funebri li ndaqqu ma’ Malta kollha u saħansitra ntalbu mill-emigranti Maltin speċjalment dawk fil-Kanada. Huwa kiteb ukoll diversi antifoni w innijiet ta’ kull xorta għall-ħafna okkażjonijiet speċjali. Fost xogħolijiet importanti tiegħu, ta’ min isemmi l-Marcia Sinfonika “Happy Tidings“, l-poema Sinfonika “Beginning“, l-Innijiet tal-”Madonna tal-Karmnu”, ta’ “Santa Tereża tal-Bambin Ġesù″, ta’ “San Ġużepp Ħaddiem”, ta’ “San Ġwann tas-Salib”, “tar-Raba’ Ċentinarju tar-Riforma Tereżjana”, lill-”Maria Assunta”, ta’ “San Alwiġi”, kif ukoll l-innijiet tal-Baned San Piju X u Imperial. Ħafna mix-xogħolijiet tiegħu kienu ġew irrekordjati u għadhom jinsabu għall-bejgħ. Bħala rikonoxximent tax-xogħol mużikali tiegħu, is-Surmast Sammut ġie magħżul membru tal-”Performing Rights Society” ta’ Londra fl-1965.
Fl-aħħarnett, ta’ min isemmi wkoll illi s-Surmast Sammut li baqa’ minn dejjem jgħix ġewwa B’Kara, iżżewweġ lil Maria Pia (xebba Micallef) fl-1945 u kellu erbat itfal, Victor, Edwin (magħruf bħala Patri Piju fl-Ordni Tereżjan), Louise u Michelle.
Ninu, is-Surmast, jiġi wkoll iz-ziju ta’ żewġ Kanonki tal-Bażilika Sant’ Elena – u hawn qed nirreferi għal Kanonku Ċensu Demicoli (li kien ukoll Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem), u għal Kanonku Michael Agius.
Is-Surmast Anthony Sammut miet fis-sitta t’Ottubru 1991.
Ta’ min iżid illi b’sens ta’ rispett ċiviku, triq ġewwa Birkirkara u oħra ġewwa l-Mellieħa ssemmew għas-Surmast Anthony Sammut.
Gabriel Caruana
Intervista
(Din l-intervista kienet ġiet ippubblikata fil-ħarġa numru 303 tal-fuljett Parrokkjali “Leħen il-Parroċċa” f’Settembru ta’ l-2004 u saret mis-Sinjura Carmen George)
Ix-xogħol salmura tal-ġisem
Gabriel Caruana, speċjalista fiċ-ċeramika, kif ukoll skultur u pittur. Magħruf bħala l-pijunier ta’ l-arti moderna f’Malta. Twieled fl-1929 u joqgħod Birkirkara. Ix-xogħolijiet prestiġġjużi tiegħu ħaduh ukoll barra minn xtutna fejn tella’ diversi wirjiet, bħal pereżempju l-Ingilterra, l-Amerika, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Italja. Huwa studja kemm f’Malta kif ukoll fl-Italja u fl-Amerika. Fl-1999 ġie onorat mill-Gvern Malti meta ġie ppreżentat bil-”Medal for Artistic Achievement“.
Miżżewweġ lil Mary Rose, u għandu żewġt ibniet: Gabriella u Raffaella. Huwa bniedem ġentili, kalm u paċenzjuż. Jitkellem b’mod apert, iżda filwaqt li jgħid dak li jħoss, huwa prudenti fi kliemu. Għandu karattru sod u bniedem pożittiv. Meta ltqajt miegħu, lili ħadni fuq vjaġġ twil tul is-snin; vjaġġ interessanti u ambizzjuż, mimli b’ideat friski u ġodda. Esperjenza unika. Naraw x’għandu x’jgħidilna.
L-attività artistika tiegħek teħodna lura ħafna snin. X’kien dak li ħajrek tieħu din il-linja?
Jien tlift lil ommi ta’ età żgħira. Trabbejt man-nanna f’ambjent kulturali għall-aħħar. Kont tifel meta bdejt inpinġi bil-lapes u bil-crayons, u nagħmel il-forom bit-tafal. Bejn l-1953 u l-1959 mort l-Iskola ta’ l-Arti fejn ħadt it-taħriġ tiegħi fil-prattika mingħand uħud mill-aqwa pitturi u skulturi Maltin. Kien importanti għalija li nitgħallem dwar l-istorja ta’ l-arti wkoll, għax mingħajrha artist ma jistax jgħid li hu komplut.
Inti magħruf bħala l-pijunier ta’ l-arti moderna f’Malta. X’tikkummenta dwar dan?
Jien xtaqt nagħti image ġdid lil pajjiżi permezz tax-xogħolijiet tiegħi. It-twemmin tiegħi huwa ġdid u tiegħi. L-istil li bih naħdem ma nsejjaħlux astratt. Huwa espressjoni ta’ ideat personali. Il-messaġġ jasal skont kif iħares lejh l-individwu.
Taħseb li l-Maltin japprezzaw din it-tip ta’ arti?
L-interess qed jiżdied, anke fost l-istudenti. Importanti iżda li t-tagħlim fl-iskejjel jingħata firxa iktar wiesgħa mingħajr restrizzjonijiet, biex b’hekk dawk interessati li jibnu karriera f’dan il-qasam, ikollhom aktar opportunitajiet u bibien miftuħa minn fejn jagħżlu t-triq tagħhom.
Minbarra li inti speċjalista fiċ-ċeramika, inti wkoll skultur u pittur. Liema minn dawn it-tliet media jagħtik l-aktar sodisfazzjon?
Kollox jagħtini sodisfazzjon. Iċ-ċeramika fiha l-kulur u l-forma. Għalkemm dawn issibhom fil-pittura u l-iskultura. Il-kulur l-aktar li nħobb nuża huwa l-blu. It-tip ta’ blu speċjali li ħloqtu jien, jixbah dak li bl-ingliż ngħidulu hazy blue. Il-bqija nuża l-kuluri kollha, basta f’posthom.
X’jispirak biex tikkrea xi ħaġa u xi tkun qed tfittex fix-xogħol li toħloq?
Il-ħin kollu nħossni ispirat. Din il-ħaġa qiegħda fin-natura tiegħi. Dak li hemm ġo fija rrid nesprimih bix-xogħol tiegħi. Il-figura umana dejjem ispiratni. Jiena dejjem infittex li nsebbaħ l-ambjent, li kull biċċa xogħol li naħdem tiġbed l-għajn u tkun iċ-ċentru ta’ l-attenzjoni.
Fl-1999, il-Gvern Malti onorak billi ppreżentalek il-”Medal for Artistic Achievement“. Xi tgħidli dwar dan?
Kien sinjal ta’ rikonoxximent li jien tajt xi ħaġa lil pajjiżi. Sal-lum għadni nħoss li rrid nibqa’ nagħti l-kontribut tiegħi.
Għal dawn l-aħħar 35 sena kellek esebizzjonijiet madwar id-dinja, sena wara sena. X’inhu s-sigriet ta’ dan kollu?
Ix-xogħol, u x-xogħol tajjeb. Il-kuntatti tajbin mad-diversi artisti madwar id-dinja. Pereżempju xhieda ta’ dan huwa meta rċevejt l-unur ta’ Accademico Di Merito mill-Accademia Pietro Vannucci ta’ Perugia l-Italja fl-2001. Dan b’riżultat tal-parteċipazzjoni tiegħi f’esebizzjoni f’dan il-pajjiż li kien mhux biss unur għalija, iżda wkoll ta’ ġieħ għal Malta.
Minbarra l-istudjo tiegħek f’Ħal Balzan, illum ismek huwa sinonimu mal-Mitħna ta’ Birkirkara. Irnexxielek tittrasforma dan il-post f’Ċentru Kulturali u t’Artiġġjanat. X’xogħolijiet għandek esebiti fih?
Ix-xogħolijiet ta’ restwar fil-Mitħna saru fl-1990. Esebiti, minbarra xogħolijiet tiegħi, hemm ukoll xogħolijiet ta’ artisti Maltin u oħrajn barranin ta’ fama prestiġġjuża.
Għaliex ħassejt il-ħtieġa li waħda mill-kmamar f’din il-Mitħna tiddedikaha lill-artist Victor Pasmore?
Ma’ Pasmore iltqajt f’Malta fl-1965. Sirna ħbieb kbar. Laqqagħni ma’ artisti ta’ fama internazzjonali bħalu. Dawn il-kuntatti għenuni ħafna fix-xogħol tiegħi u fetħuli orizzonti ġodda.
Mix-xogħol kollu li ħdimt f’ħajtek, x’inhi l-aktar ħaġa għażiża għalik?
Kollha huma għeżież għalija. Nittrattahom qishom uliedi. Biċċa xogħol aktar ma tkun maħduma fil-kobor, aktar tagħtini sodisfazzjon. Importanti iżda li titpoġġa fi spazju li jixirqilha.
Illum għandek 75 sena. X’inhu dak li jżommok ħaj fl-ispirtu fix-xogħol tiegħek? U, xi pjanijiet għandek għall-futur?
Inħobb naħdem. Ix-xogħol jagħtini ħafna sodisfazzjon f’ħajti. Pjanijiet għall-futur hemm kemm trid. Bħalissa qed naħdem fuq esebizzjonijiet li ġejt mistieden biex intella’ kemm f’Malta, kif ukoll fl-Italja, fl-Awstrija u f’Londra.
Lit-tfal u ż-żgħażagħ li għadhom qed jiżviluppaw it-talenti tagħhom f’dan il-qasam, xi tgħidilhom?
Min hu interessat fl-arti ma jistenniex li se jara riżultati mill-ewwel. Jien illum għandi s-sodda lesta kullimkien permezz tal-kuntatti. L-artist irid jaħdem iebes, jipproduċi, jiżviluppa u jibqa’ għaddej. Is-sigriet huwa x-xogħol!
