Maghmudija

Introduzzjoni
Is-Sagrament tal-Magħmudija jingħata kull tieni u raba’ Ħaddl-Quddiesa tal-5.00 p.m. ma tibqax issir (fis-Sajf) dan is-Sagrament jingħata fil-Quddiesa tad-9.00 a.m. jew tal-11.00 a.m. Meta, minħabba s-sitwazzjoni tal-ġenituri jew għal xi raġunijiet oħra, is-Sagrament tal-Magħmudija ma jkunx jista’ jiġi amministrat fil-Quddiesa, il-Magħmudija ssir f’ċelebrazzjoni apposta barra mill-Quddiesa, il-Ħadd fl-10.00 a.m.

Biex tarbija tirċievi l-Magħmudija, il-ġenituri jridu jirreġistrawha fl-Uffiċċju Parrokkjali u magħhom iridu jġibu ċ-ċertifikat tat-twelid mir-Reġistru Pubbliku, iż-żewġ dikjarazzjonijiet tal-parrini u l-permess tal-Kappillan tal-Parroċċa tagħhom, jekk ma joqogħdux fil-Parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem.

X’għandna nagħmlu?
Il-Magħmudija hija mument importanti ħafna fil-ħajja tal-bniedem u fil-ħajja tal-familja tiegħu. Fil-Magħmudija t-tarbija ssir iben jew bint Alla. Ngħammdu t-trabi tagħna għax nixtiequ li minn meta għadhom żgħar ikollhom b’sehem il-wirt li Alla għandu għal uliedu; ngħammduhom żgħar biex sa minn ċkejknin jitilgħu f’ambjent nisrani.

Ngħammdu t-Tarbija Tagħna
Meta titwieled tarbija, l-ewwelnett għandha tiġi mniżżla fir-reġistru pubbliku (l-Insinwa). Jekk il-ġenituri jiddeċiedu li jgħammdu t-tarbija tagħhom, jiġu l-Uffiċċju Parrokkjali u magħhom iġibu ċertifikat tat-twelid tat-tarbija mill-Insinwa. Dan huwa essenzjali biex meta nirreġistraw il-Magħmudija tat-tarbija, id-dettalji jkunu l-istess.

Permess
Barra minn hekk, jekk il-ġenituri tat-tarbija jkunu joqogħdu f’Parroċċa oħra, iridu jġibu l-permess tal-Kappillan tagħhom bil-miktub. Dan għaliex, il-prattika tal-knisja hi, li l-Magħmudija ssir dejjem fil-parroċċa fejn joqogħdu l-ġenituri, għalkemm ebda kappillan ma jsib diffikultà li jagħti l-permess meħtieġ.

Xi ħaġa dwar il-parrini
Il-parrini jridu jkunu raġel u mara, iżda jista’ jkun hemm parrinu jew parrina wieħed. Il-parrini jridu jkunu għalqu s-sittax-il sena, membri tal-Knisja Kattolika u jaċċettaw it-twemmin kollu kattoliku, ma jittraskurawx it-tagħlim nisrani u jirċievu spiss is-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin, jafu li d-dmir tagħhom huwa li jgħinu lill-ġenituri biex irabbu lil uliedhom skond il-fidi tal-Knisja u jgħinu lil min jirċievi l-Magħmudija jikber fil-fidi, iħares il-kmandamenti u jħobb il-proixxmu kif għallimna Ġesù.

Il-parrini jridu jmorru għand il-Kappillan tagħhom u jififrmaw dikjarazzjoni quddiemu. Għalhekk ma jistgħux jibagħtu lil xi ħaddieħor minflokhom, iżda jridu jmorru huma stess. Din id-dikjarazzjoni, imbagħad, il-ġenituri jgħadduha lill-Kappillan qabel iċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija. Dawk li, għal xi raġuni jew oħra, ma jkunux qed jgħixu f’sitwazzjoni regulari, ma jistgħux jagħmluha ta’ parrini.

Il-Magħmudija
Fil-Parroċċa tagħna l-Magħmudija niċċelebrawha kull tieni u raba’ Ħadd tax-xahar fil-Quddiesa tal-5.00 p.m. F’ċerti każi tista’ ssir f’data miftiehma mal-Kappillan.

It-tarbija titlibbes l-abjad biex turi l-ħajja ġdida li se tirċievi. Ix-xemgħa, li waqt iċ-ċelebrazzjoni tinxtegħel mill-ġenituri mill-Blandun, għandha tinżamm b’tifkira għażiża tal-Magħmudija. Mhux ta’ min inħallu l-Qrar għall-aħħar. Għalhekk nieħdu ħsieb inqerru qabel.

Ritratti u Videos
Waqt il-Quddiesa jistgħu jittieħdu ritratti jew video, iżda dejjem għandna navżaw lil min ikun qed jeħodhom biex juża prudenza kbira, ngħidu aħna, m’hemmx għalfejn jieħu ritratti għal kull ċaqlieqa tal-qassis, għax inkunu qed intellfu minn dak li jkun qed isir.

Grizma tal-Isqof
Is-Sagrament tal-Griżma ta’ l-Isqof jingħata lit-tfal li jagħlqu tnax-il sena f’dik is-sena, bejn l-aħħar Ħadd ta’ Ġunju u t-tieni Ħadd ta’ Lulju.

Qrar
Matul il-ġimgħa, il-Qrar jiġi amministrat qabel u wara kull Quddiesa fis-sagristija.

Ikun hemm konfessuri għall-Qrar fil-Knisja nhar ta’ Sibt mill-4.15 p.m. sas-7.00 p.m. u nhar ta’ Ħadd mill-4.30 p.m. sas-7.00 p.m. Fil-festi liturġiċi jitħabbar skond iż-smien u l-ħin meta jkun hemm konfessuri għall-Qrar.

Qabel u waqt il-Quddies ta’ l-Ewwel Tqarbina u tal-Griżma ma jkunx hemm Qrar.

Ta’ min jiftakar li l-Qrar huwa Sagrament importanti daqs l-oħrajn. Għalhekk jixraq li nagħtuh ukoll il-ħin tiegħu, jekk jista’ jkun mhux waqt il-Quddiesa tas-Sibt jew tal-Ħadd. Barra minn hekk niftakru wkoll li l-Qassis qabel jiċċelebra l-Quddiesa jkun irid ftit ħin biex iħejji ruħu, għalhekk m’għandniex nidħlu fis-Sagristija biex inqerru eżatt qabel tibda l-quddiesa.

Tqarbin
L-Ewwel Tqarbina tingħata lit-tfal li jkunu jagħlqu s-seba’ snin f’dik is-sena, fl-aħħar Ħadd ta’ April.

It-Tqarbin lill-morda fi djarhom isir darba fil-ġimgħa u nhar ta’ Ħadd jew fil-festi ta’ l-obbligu mill-ministri straordinarji tat-tqarbin. U fl-ewwel Ġimgha tax-xahar minn xi ħadd mill-qassisin.

Min ikun jixtieq jirċievi t-tqarbin id-dar, jista’ jkellem lil xi ħadd mill-qassisin jew mill-ministri starordinarji tat-tqarbin. Dak li jkun jista’ wkoll jibgħat jgħarrafna permezz tal-kuntatt f’dan is-sit stess.

Griżma tal-Morda
Is-Sagrament tal-Griżma tal-Morda jingħata lil min jitolbu skond il-ħtieġa.

Żwieġ
Is-Sagrament taż-Żwieġ jista’ jiġi ċċelebrat fil-Knisja Parrokkajli fiż-żminijiet kif imfissra fil-liġi tal-Knisja, meta ma jaħbatx ma’ festi liturġiċi li jiġu ċċelebrati fil-knisja Parrokkjali u mhux fil-Quddies tal-ħin.

Il-Kors ta’ Kana bi tħejjija għaż-żwieġ fil-Parroċċa tagħna jibda fl-ewwel jew it-tieni Tnejn ta’ Jannar. Isir fiċ-Ċentru Parrokkjali u jibda fis-7.00 p.m.

Ir-reġistrazzjoni għall-Kors ta’ Kana tibda, normalment, mal-bidu ta’ Novembru u biex koppja japplikaw iridu jmorru huma stess fl-uffiċċju Parrokkjali. Ma’ l-applikazzjoni normalment isir ħlas ta’ €23.